MaltaMedia Click Here!
Pierre J. Mejlak's Blog
  A Bilingual MaltaMedia Online Network Blog  | LATEST BLOG | NEWS | WHAT'S ON | FEATURES | WEATHER | CONTACT PIERRE

Sunday, October 23, 2005

Bajd tal-majasawri

Il-Gybexi għandu l-boċċi qishom bajd tal-majasawri. Kbar. Tqal. U żgur jieħu ħsiebhom (jew teħodlu ħsiebhom Anita) għax ileqqu wisq. Malli dħalt fl-appartament tiegħu u rahomli - rajt fihom ir-rifless ta' wiċċi.

Għand il-Gybexi kien hemm ukoll David, li f'għajnejh ma stajtx ma ninnotax kilba kbira biex jilgħab ftit bil-boċċi ta' Gybexi. Imma fl-appartament ta' Gybexi ma stajniex nilagħbu kif ġieb u laħaq. Għax ma tistax tilgħab bil-boċċi ta' Gybexi bla ma tiskomoda lill-ġirien u tifqa' l-parquet. U allura morna taħt is-siġar fil-Park Josaphat.

Billi kienet nieżla x-xita, il-park kien vojt u l-ħamrija kienet imxarba u stajna nċafalsu b'ċertu gost. Is-siġar kienu mimlija għasafar iħarsu lejna. U meta raw lil Gybexi joħroġ il-boċċi bdew iroddu s-slaleb. L-għasafar nisa ħmaru u l-irġiel ordnaw liż-żgħar biex jidħlu fis fil-bejta u jorqdu jew almenu jgħattu għajnejhom. L-għasafar fuq is-siġar tal-lemin ma felħux aktar u xenglu tnejn rashom u taru 'l bogħod, 'il bogħod.

Ħadd ma kien familjari mal-boċċi ta' Gybexi daqs Gybexi nnifsu. Mgħarraq l'hu - jaf kif għandu jaqbadhom u jaf kif għandu jwaddabhom. U beda jirbaħ waħda għal waħda. David ma ħeliex wisq ħin biex iffamiljarizza ruħu mal-boċċi ta' Gybexi.

David e Gybexi

U meta David rebaħ l-ewwel rebħa u ġera ġirja taħt is-siġar tipo dan - werwer kemm għasafar kien hemm - li ma damux ma xerrdu l-aħbar mal-parks kollha ta' Brussell li fil-Park Josaphat, dak il-ħin, kien hemm l-imġienen.

Montella


U meta rajthom jirbħu u jifirħu, bdejt inħoss ftit tad-diqa. Ridt nirbaħ. Imqar darba. Imma donnu l-pala t'idi l-leminija ma' kenitx qed iddur sew mal-boċċi ta' Gybexi.

Io

U fl-aħħar ħareġ raġġ xemx u ndunajt li this is it. U rbaħt! U xtaqt kieku nieqfu hemm għax (bħal AS) nemmen li sabiħ tirtira rebbieħ. Imma l-oħrajn riedu jkomplu. U komplew jirbħu. U fl-aħħar qtajtha: "Ara, ejja nagħmlu l-aħħar logħba. Min jirbaħ din - ikun iċ-champion taċ-champions." U qablu.

U balleċċ - ħareġ raġġ xemx ieħor li waqa' ħelu ħelu fuq il-boċċa li kelli f'idi u rbaħt. U kif!

I mean... meravilja


U kien hemm min ried jiżra' d-dubji.

X'taghmel? Tiehu pacenzja bil-Gybexi.


U bħal dejjem, meta tirbaħ rebħa konvinċenti jkun hemm min jinħaraq u jinfexx fil-misħuta vjolenza.

Zejtun 2005

Monday, October 03, 2005

Diabolus

Tgħajjatx miegħi, ma, imma nhar is-Sibt iltqajt max-xitan.

Tiftakar, darba, kont ġejt mill-iskola u staqsejtek xi tkun dik il-logħba stramba li fiha tista' tagħmel kuntatt ma' l-ispirti u forsi anke max-xitan? U int kont għidtli li dik logħba perikoluża ħafna li tħawwadlek rasek u ma tħallikx torqod bil-lejl? Minn dak inhar ilha t-tentazzjoni li nitkellem ma' l-ispirti, ma. U dan il-wijkend iltqajt max-xitan.

Kont naf li jekk nidħol f'dik id-dar se nsibu hemm. Għax min daħal qabli sabu.

Iltqajt miegħu, ma! U mhux ikrah daqskemm jgħidu. Anzi, minn xi daqqiet, jaf anke jkun ħelu. Bħalna jfittex dak li l-iżjed jagħtih gost. U m'għandux kwiet, ma. Imma x-xitan ħażin - ħażin ħafna - imma mhux tort tiegħu sa l-aħħar. Donnu ma jistax ikun mod ieħor. Għax jekk ix-xitan isir tajjeb - jinqaleb kollox ta' taħt fuq, le?

Xtaqt nistaqsieh ħafna affarijiet, ma. Xtaqt nistaqsieh, per eżempju, kif kien iħossu fit-triade ma' Gabriel u Mikiel; jekk fl-infern hemmx iżjed nisa jew irġiel; jekk jistax jirrakkontali l-ġlieda li ġġieldu l-anġli tiegħu kontra dawk ta' Mikiel u kif x'ħin tilfu l-battalja kellhom joħorġu mill-ġenna umiljati. Xtaqt insir naf jekk ir-rebbieħa garawlhomx skoss bajd waqt li kienu ħerġin mill-ġenna u jekk jafx kif l-ebda anġlu ieħor, minn dawk li ħallew warajhom fil-ġenna, ma tħajjar jorganizza rivolta oħra. U xtaqt niskopri iżjed x'ġara sew fil-Ġnien ta' l-Eden għax ma ddoqqlix li Adam kien involut. U xtaqt inkun naf, qabel tkeċċa mill-ġenna, x'pożizzjoni kien jokkupa. Jekk kienx fil-kori tas-Serafini jew taċ-Ċerubini jew f'xi kor ieħor. U xtaqt inkun naf x'kienet ir-raġuni l-għala qabad ma' Ġobb b'dak il-mod u jekk hux beżgħan li jinħaraq fil-Lag tan-Nar u jsir irmied, kif bassar Eżekjel. U anke xtaqt nara jekk jaħsibx li qed jintqalu ħafna ħmerijiet fil-lekċers tal-Personification of Evil offruti fl-Università ta' Malta. U kelli anke xi mistoqsijiet dwar Patri Elija.

Imma ma ried iwieġeb xejn, ma. F'ħin minnhom donnu tħawwad bil-mistoqsijiet u qabad ma' xagħri. U għajnejh imtlew bil-qilla u weħlu ma' tiegħi. U ma' kull ċaqliqa t'għajnejh, bdew jiċċaqilqu tiegħi. Bżajt, ma. U girifni girfa f'nofs dahri! U meta kont se noħroġ, ma, ma riedx jaf. Ridni nibqa' miegħu f'dik id-dar. Imma jien ma ridtx nibqa' max-xitan. Ridt noħroġ u iżjed ma nipprova noħroġ iżjed jagħfasni bi dwiefer kbar u ppuntati. U d-demm kien se jixpakka, ma. U bdejt inħoss rasi ddur bija. Xtaqt li ma dħalt xejn f’dik id-dar bin-numru 22. Xtaqt li bqajt barra, nixrob landa Koka fuq il-bankina. Imma issa kien tard wisq. Għax jekk tilgħab man-nar tinħaraq tista'.

U f'ħin minnhom qbadtu f'idi lix-xitan, ma. U ġibduli ritratt u mill-ewwel immansa. U bilġri ħriġt mid-dar u ma rġajtx lura.

Jien u Xitan


(Jien u Xitan - il-qattus ta' Jacques. Ritratt miġbud waqt wijkend
ħelu fil-Gran Dukat. Ħajr speċjali lil sid ix-xitan ta' l-akkoljenza u l-ġentilezza.)