MaltaMedia Click Here!
Pierre J. Mejlak's Blog
  A Bilingual MaltaMedia Online Network Blog  | LATEST BLOG | NEWS | WHAT'S ON | FEATURES | WEATHER | CONTACT PIERRE

Monday, September 26, 2005

Et Iustitia Omnibus

Hergin mill-Canteen tal-Habs ta' Kordin


Mhux sew tieħu pjaċir bid-deni ta' ħaddieħor. Imma dalgħodu, fis-sodda, ixxalajt. Ftakart f'dawk it-tfal li kellhom iqumu fid-dlam, jilbsu l-uniformi kiesħa u skomda u b'demgħa f'għajnejhom għal sajf ħelu li miet ħesrem, imorru l-iskola.

Geġwiġija ta' tfal jgħajtu u jwerżqu. It-tali kollu eċitat li reġgħet fetħitlu l-iskola u malli jarak tiskanta fil-grawnd jiġi jtaptaplek. U jkollok aptit tilwilu għonqu.

L-assembly. It-talba tal-bidu. L-ewwel messaġġ tas-Surmast - un piccolo assaggio tal-messaġġ uffiċjali li jkun se jagħti iżjed tard wara l-quddiesa fis-sala.

Il-ġirja lejn il-klassi biex kulħadd jieħu l-post li l-iżjed jogħġbu. U, ngħid għalija, kont inkun lest noqtol biex nieħu s-siġġu ta' l-aħħar ringiela, fil-kantuniera. U mill-Form 1 sal-Form 4 ħadtu. Fl-aħħar ħadhuli George s-Sisu, li wara snin ta' osservazzjoni - għaraf kemm hu sew li kultant tkun skjerat f'kantuniera. Imma mas-Sisu kont ningalaha u konna nnegozjajna ftehim - fi spirtu ta' rieda tajba - u bdejna nalternaw.

L-ewwel jum ta' l-iskola. Wieħed mill-iżjed jiem koroh fil-ħajja ta' tfal normali. Jum ta' dardir stramb. Jum li fih tgħir għal ommok li se tibqa' d-dar ma' l-Ariel u d-Dash. U tixxennaq li tista' tqatta' jum taħsel il-ħwejjeġ, tonxor, taqla', titni u tgħaddi.

Jum ta' uġigħ ta' ras. Jum li fih is-surmast jgħolli leħnu biex taparsi jbeżżgħek u mbagħad jgħid ċajta sfurzata biex, bħal speċi, jagħtik x'tifhem li hu normali. U l-għalliema jidħlu fil-klassi qishom telgħin it-Tabor. Il-pitazzi (li aħna konna ngħidulhom skritti); il-covers sofor, ħomor, blu, ħodor jew kannella; il-labels u t-time-tables; il-kotba; il-canteen bl-art tgħallek u b'umdità adatta għat-tkabbir tal-faqqiegħ; id-desk imġiddma - b'elf u ħames mitt chewing gum imwaħħla magħha - tant li trid toqgħod b'seba' għajnejn li ma tmurx tmiss il-qalziet mad-desk għax l-ebd'Alla ma jaqalgħek minnha.

U tibda tirreġistra l-laqmijiet ta' l-għalliema għax se tkun qed tużahom kontinwament fid-disa' xhur ta' wara... Ġuda, l-iSpider, Shakespeare, iż-Żibru, il-Qallgħani, is-Six Inches, iż-Żejża Roża, is-Suldat, il-Beaver, il-Qallut, il-Vass, id-Dardira, is-Seba' Sagramenti, Dun Lewż, Don Camillo, il-Bulldog, ix-Xebba, il-Mamma, Humpty Dumpty, Super Mario, Hitler, Fnieku, Rambo, il-Pumpkin, iċ-Cheetah (u ċ-Cheetah Banana li daħlet floku meta rtira), il-Pissiperla... kull laqam jiġbor fih l-essenzjal, dak li jagħmel it-tali dak li verament hu... laqmijiet li l-analiżi semjotika tagħhom xi tnejn bħal Eco jew Barthes jikluha bil-ħobż.

U wara jumejn kont tibda tippjana f'liema ġranet tista' taġġorna ftit kmieni. Jekk l-aħħar lezzjoni tkun PE - allura eċċellenti. Jekk ta' qabilha tkun Religion - allura eċċezzjonali. U ħarba mill-iskola kienet tagħtik sodisfazzjon enormi. Tibda tfittex it-toqob fil-fence tal-grawnd. Imbagħad tintebaħ li l-biċċa m'hemmx għalfejn tagħmilha tidher daqstant illegali. U tispiċċa toħroġ mill-bieb prinċipali - minn quddiem l-uffiċċju tas-surmast - qisu xej'. Qisek ħiereġ fis-sagħtejn u nofs. U int u ħiereġ ġieli tiltaqa' ma' l-għalliema deħlin lura mill-brejk. U qalbek ttaqtaq li se jwaqqfuk u jistaqsuk fejn sejjer jew għandekx permess.

U meta l-ħarba mill-bieb prinċipali ma tkunx possibbli, allura tmur fl-uffiċċju tas-surmast. Ma niflaħx. Se nċempel id-dar ħalli tiġi ommi għalija. U s-surmast jgħidlek ċempel ċempel u tgħolli r-receiver u tiddalja 000 000 u waqt li s-sinjorina fuq in-naħa l-oħra tgħidlek li the number you have dialed does not exist, terħi lsienek:

Hello ma. Iva - naħseb reġa' telgħali. Eħe, brejk bħalissa. Se nkun quddiem l-iskola. Ok. Iddumx għax vera stordut. Bye.

Għax ikollok biżżejjed sens f'moħħok biex ma taqlax lil ommok mid-dar.

U toħroġ, taparsi qed tistennihom jiġu għalik, imma wara ftit titlaq pass pass lejn in-Nadur u xi qalb tajba dejjem issib li taqtgħek pass.

U dalgħodu, fid-disgħa neqsin kwart, meta ftakart li llum bdiet l-iskola - tbissimt u qalbi mtliet b'ferħ stramb, li għadni nħoss s'issa. Għax meta kont żgħir kont dejjem nittama li titla' x-xemx fuq jum bħal dan - li fih tiftaħ l-iskola u jien nibqa' fis-sodda.

U l-jum wasal u nħoss li miegħi, illum, saret ġustizzja.

Duluri


(Ritratti mill-isbaħ ta' Patrick Bardyn, fotografu minn Brussell, li żar il-Liċeo Ninu Cremona fir-Rabat, Għawdex, ftit tax-xhur ilu)