Tiskanta kif kultant, bla ħsieb, tgħaqqad bosta trufijiet ta' storja li ma tkunx qed tfittex.
Ħelu wisq ir-ritratt tax-xellug. Dawk huma l-Gemini 5, il-prekursur tal-grupp The Tramps, li l-istorja tiegħu ntemmet ġimgħa ilu bil-mewt ta' Dumink. Ħdejh hemm ritratt ta' l-istess post kif kien jidher illum wara nofsinhar, meta sieħbi Joe mar ħadlu ritratt.
Ir-ritratt tal-Gemini 5 inġibed għall-bidu tas-snin sittin ftit 'l isfel mill-Ġnien tad-Dawwara, fit-triq li mir-Rabat twasslek Ta' Kerċem. Il-karozza żdingata li l-Gemini 5 telgħu fuqha kienet, sa ftit qabel, it-Taxi 42 ta' Mejnik.
Fix-xellug nett jidher Vince Cassar ta' Maripawl u ħdejh hemm Toni Gauci tat-Tuletta, li kien iħobb ikanta l-makkjetti ta' Fredu Spiteri. Imbagħad hemm Dumink u warajh Joe tad-Dudu. Isfel, bil-flokk abjad u b'ħarsa niffieda tipo James Dean, hemm Joe Cassar ta' Snejter. Kienu qed jippożaw għal ftit ritratti li Dumink xtaq li jidhru fuq l-MTV (Malta Television Service) bħala reklam tal-grupp. Il-fotografu, x'aktarx, kien George Vella tal-Vella Photo Studio, li kien ukoll speċi ta' manager tal-Gemini 5. Biex dak li naf inkun għidtu, iżjed tard, ta' Maripawl ħalla l-grupp u floku daħal Nenu Grech taċ-Ċajċ, li llum huwa veterinarju.
Għal bidu, Dumink u sħabu kienu jagħmlu l-provi f'garaxx fit-Triq ta' Wara s-Sur, qrib tal-Merguli, ir-Rabat. Imbagħad żarmaw minn hemm u bdew jiltaqgħu f'kamra fl-Oratorju Don Bosco fi Pjazza Santu Wistin.
Il-Gemini 5 ma kenux weħidhom dik il-ħabta. Avolja 'Għawdex żgħir', 'kulħadd ġewwa', 'bil-lejl toqtol u tidfen' u bl-affarijiet l-oħra kollha li jgħidu fuqna. Kien hemm gruppi oħra, fosthom il-Joy Boys, magħmul mill-kantant Joe Borg l-Għasfura, illum mejjet, Ġamri Ħaxwex - it-tnejn mit-Triq ta' l-Għajn (il-mod l-Għawdxin jirreferu għall-Fontana), Leli Mejlak, tal-Piku, min-Nadur u drummer mir-Rabat.
Grupp ieħor jikkompeti għall-popolarità kien il-Hajds - grupp imwaqqaf fix-Xewkija u magħmul kollu min-nies tar-raħal, fosthom id-drummer Charlie ċ-Ċikkarell.
Imbagħad kien hemm l-Action, il-grupp ta' Karmenu Portelli, li kellu jagħmel karriera bħala drummer mat-Tramps. L-Action ħareġ min-Nadur. Kien hemm il-kantant u kitarrista Mike Portelli ta' Xkejfa, Alfred Portelli Susanu fuq keyboards, John Galea ta' Snejter fuq bass guitar u, ovvjament, Karmenu.
Dawn il-beat groups kollha kienu jdoqqu l-iżjed fi swali ta' l-iskejjel, bħal dawk tax-Xewkija, is-Sannat, in-Nadur u r-Rabat. Imbagħad, fis-sebgħinijiet, beda jinbena t-teatru ta' l-opra Aurora li, bħal kalamita, ġibed il-beat groups kollha lejh. L-Aurora under construction serva bħala post eċċellenti għal giggs u kunċerti żgħar li dawn il-gruppi kienu jagħtu b'mod regolari. L-uniku problema li kien hemm kien it-trab - peress li l-bini kien għadu qed jinbena. Jingħad li mhux l-ewwel darba li bid-daħna tat-trab ma kontx tkun tista' tara min qed ikanta.
X'iżjed? Insejt ir-Rubber Souls... grupp li għadu jdoqq sal-lum - għalkemm illum bidel ismu u jissejjaħ Loose Ends. Jekk tasal wasla san-Nadur fil-jiem tal-Karnival issib il-Loose Ends fuq trakk ipparkjat quddiem il-każin tal-futbol. Wisq probabbli ssibhom idoqqu xi ħaġa tal-Pink Floyd jew ta' CCR. Il-Loose Ends huwa l-grupp tan-Nadur, b'Charlie l-Bajda bħala leader.
U nsejt ukoll il-Fredstones - grupp magħmul minn bosta Fredijiet li ltaqgħu tard fis-snin sittin. Kien hemm Alfred Rapa (li llum emigrat, imma li ftit tas-snin ilu mar Malta u ħa sehem fil-Festival Kanzunetta għall-Ewropa b'Eternal Love), Fredu l-Qagħqa, Fredu Susanu u xi Fredu ieħor.
U x'sar minnha dik il-karozza li l-Gemini 5 telgħu fuqha għar-ritratt?
Il-karozza kienet tiġbed ħafna interess, speċjalment minn ħafna namrati li kienu jkunu qed jippassiġġaw minn dawk l-inħawi - fi triqthom lejn il-Lunzjata - u jieqfu joħolmu li xi darba jiżżewġu u jkollhom waħda bħalha, imma f'kondizzjoni aħjar. Dan, per eżempju, huwa sieħbi Joe Zammit flimkien ma' Rose, Gloria, Cecile u Antonia - 41 sena ilu.
Rose hi t-tfajla li hemm ħdejn Joe fuq is-seat ta' quddiem. Illejla Joe u Rose ċċelebraw il-35 anniversarju tat-tieġ tagħhom.
Il-karozza ma tħallietx hemm. Xi ħadd għaraf li karozza bħal dik dnub titħalla mormija. U llum il-karozza hi ta' Toni l-Gross minn Santa Luċija. Dan ġabha ġdida u jużaha f'okkażjonijiet speċjali.
Araw ftit x'differenza. Din hi kif tidher illum it-Taxi 42 ta' Mejnik.

(Ħajr mill-qalb lil Toni Camilleri mill-Fontana li għaddieli r-ritratt tal-Gemini 5, lil Carmel Agius mix-Xagħra ta' l-għajnuna kollha tiegħu, lil Joe Zammit u lil Karmenu Portelli tat-tagħrif)