MaltaMedia Click Here!
Pierre J. Mejlak's Blog
  A Bilingual MaltaMedia Online Network Blog  | LATEST BLOG | NEWS | WHAT'S ON | FEATURES | WEATHER | CONTACT PIERRE

Monday, October 03, 2005

Diabolus

Tgħajjatx miegħi, ma, imma nhar is-Sibt iltqajt max-xitan.

Tiftakar, darba, kont ġejt mill-iskola u staqsejtek xi tkun dik il-logħba stramba li fiha tista' tagħmel kuntatt ma' l-ispirti u forsi anke max-xitan? U int kont għidtli li dik logħba perikoluża ħafna li tħawwadlek rasek u ma tħallikx torqod bil-lejl? Minn dak inhar ilha t-tentazzjoni li nitkellem ma' l-ispirti, ma. U dan il-wijkend iltqajt max-xitan.

Kont naf li jekk nidħol f'dik id-dar se nsibu hemm. Għax min daħal qabli sabu.

Iltqajt miegħu, ma! U mhux ikrah daqskemm jgħidu. Anzi, minn xi daqqiet, jaf anke jkun ħelu. Bħalna jfittex dak li l-iżjed jagħtih gost. U m'għandux kwiet, ma. Imma x-xitan ħażin - ħażin ħafna - imma mhux tort tiegħu sa l-aħħar. Donnu ma jistax ikun mod ieħor. Għax jekk ix-xitan isir tajjeb - jinqaleb kollox ta' taħt fuq, le?

Xtaqt nistaqsieh ħafna affarijiet, ma. Xtaqt nistaqsieh, per eżempju, kif kien iħossu fit-triade ma' Gabriel u Mikiel; jekk fl-infern hemmx iżjed nisa jew irġiel; jekk jistax jirrakkontali l-ġlieda li ġġieldu l-anġli tiegħu kontra dawk ta' Mikiel u kif x'ħin tilfu l-battalja kellhom joħorġu mill-ġenna umiljati. Xtaqt insir naf jekk ir-rebbieħa garawlhomx skoss bajd waqt li kienu ħerġin mill-ġenna u jekk jafx kif l-ebda anġlu ieħor, minn dawk li ħallew warajhom fil-ġenna, ma tħajjar jorganizza rivolta oħra. U xtaqt niskopri iżjed x'ġara sew fil-Ġnien ta' l-Eden għax ma ddoqqlix li Adam kien involut. U xtaqt inkun naf, qabel tkeċċa mill-ġenna, x'pożizzjoni kien jokkupa. Jekk kienx fil-kori tas-Serafini jew taċ-Ċerubini jew f'xi kor ieħor. U xtaqt inkun naf x'kienet ir-raġuni l-għala qabad ma' Ġobb b'dak il-mod u jekk hux beżgħan li jinħaraq fil-Lag tan-Nar u jsir irmied, kif bassar Eżekjel. U anke xtaqt nara jekk jaħsibx li qed jintqalu ħafna ħmerijiet fil-lekċers tal-Personification of Evil offruti fl-Università ta' Malta. U kelli anke xi mistoqsijiet dwar Patri Elija.

Imma ma ried iwieġeb xejn, ma. F'ħin minnhom donnu tħawwad bil-mistoqsijiet u qabad ma' xagħri. U għajnejh imtlew bil-qilla u weħlu ma' tiegħi. U ma' kull ċaqliqa t'għajnejh, bdew jiċċaqilqu tiegħi. Bżajt, ma. U girifni girfa f'nofs dahri! U meta kont se noħroġ, ma, ma riedx jaf. Ridni nibqa' miegħu f'dik id-dar. Imma jien ma ridtx nibqa' max-xitan. Ridt noħroġ u iżjed ma nipprova noħroġ iżjed jagħfasni bi dwiefer kbar u ppuntati. U d-demm kien se jixpakka, ma. U bdejt inħoss rasi ddur bija. Xtaqt li ma dħalt xejn f’dik id-dar bin-numru 22. Xtaqt li bqajt barra, nixrob landa Koka fuq il-bankina. Imma issa kien tard wisq. Għax jekk tilgħab man-nar tinħaraq tista'.

U f'ħin minnhom qbadtu f'idi lix-xitan, ma. U ġibduli ritratt u mill-ewwel immansa. U bilġri ħriġt mid-dar u ma rġajtx lura.

Jien u Xitan


(Jien u Xitan - il-qattus ta' Jacques. Ritratt miġbud waqt wijkend
ħelu fil-Gran Dukat. Ħajr speċjali lil sid ix-xitan ta' l-akkoljenza u l-ġentilezza.)

9 Comments:

Blogger Jacques René Zammit said...

Nittama li terga' tghaddi darb'ohra issa li drajt il-kumpanija djabolika! Hekk jew b'hekk id-dwiefer ghadhom kif naqqsu ftit mill-hruxija taghhom grazzi ghall-intervent mill-anglu tal-post! 

Tuesday, October 04, 2005 9:17:00 AM
Anonymous J&B said...

Allura dan ix-xitan li ltqajt mieghu huwa Ghawdxi wkoll?? 

Tuesday, October 04, 2005 10:47:00 AM
Blogger gybexi said...

kif sfrattajt int kemm ilek li gejt Brussel sur pierre - hlief prostituzzjoni u satanizmu ma ssibx fuq il-blogg tieghek sirt :p

Gwakkin - qis li x'hin jibda jaghmila man-nisa ta' reputazzjoni mhux tajba u jfaqqas iz-zghar ittini xitan zghir (kumbinazzjoni hawn komuni hafna tara "diavoletto" fit-tejkewejs... qishom calzone)... halli ma jkollix problemi ta' lingwa - ara li dderih jitkellem bil-Maltiu mhux bil-lussemburgiz ghax ikollna konverzazzjonijiet interessanti hafna tipo "moien moien, wannechglift, addi, moien, addi, jo jo! nee nee! firwat! addi!" (insomma bejn "miaow" u "moien" mhux li hemm xi bahar lingwistiku jaqsam imma insomma...) 

Tuesday, October 04, 2005 10:58:00 AM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

gybexi: ghal boccata ta' nhar is-sibt kollox sew? fejn ha nilghabu? 

Tuesday, October 04, 2005 11:07:00 AM
Blogger Jacques René Zammit said...

tant biex taghrfu timxu Xitan hija qattusa. Jekk ikollha bejbies nibaghtlek wiehed gybex. 

Tuesday, October 04, 2005 1:33:00 PM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

u iehor lili Jacques. ghall-kuntrarju tal-gybexi, jien ninzel ghalih. 

Tuesday, October 04, 2005 2:03:00 PM
Blogger Kenneth said...

L-aqwa anti-klajmaks li qatt deher fil-bloggosfera Maltija. Għidt "dan biex il-madonna ġej?" 

Tuesday, October 04, 2005 5:16:00 PM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

grazzi kenneth u awguri ghall-universita'. 

Tuesday, October 04, 2005 9:19:00 PM
Blogger Kenneth said...

Merci beaucoup, monsieur. 

Wednesday, October 05, 2005 11:33:00 PM

Post a Comment

<< Home