MaltaMedia Click Here!
Pierre J. Mejlak's Blog
  A Bilingual MaltaMedia Online Network Blog  | LATEST BLOG | NEWS | WHAT'S ON | FEATURES | WEATHER | CONTACT PIERRE

Monday, September 26, 2005

Et Iustitia Omnibus

Hergin mill-Canteen tal-Habs ta' Kordin


Mhux sew tieħu pjaċir bid-deni ta' ħaddieħor. Imma dalgħodu, fis-sodda, ixxalajt. Ftakart f'dawk it-tfal li kellhom iqumu fid-dlam, jilbsu l-uniformi kiesħa u skomda u b'demgħa f'għajnejhom għal sajf ħelu li miet ħesrem, imorru l-iskola.

Geġwiġija ta' tfal jgħajtu u jwerżqu. It-tali kollu eċitat li reġgħet fetħitlu l-iskola u malli jarak tiskanta fil-grawnd jiġi jtaptaplek. U jkollok aptit tilwilu għonqu.

L-assembly. It-talba tal-bidu. L-ewwel messaġġ tas-Surmast - un piccolo assaggio tal-messaġġ uffiċjali li jkun se jagħti iżjed tard wara l-quddiesa fis-sala.

Il-ġirja lejn il-klassi biex kulħadd jieħu l-post li l-iżjed jogħġbu. U, ngħid għalija, kont inkun lest noqtol biex nieħu s-siġġu ta' l-aħħar ringiela, fil-kantuniera. U mill-Form 1 sal-Form 4 ħadtu. Fl-aħħar ħadhuli George s-Sisu, li wara snin ta' osservazzjoni - għaraf kemm hu sew li kultant tkun skjerat f'kantuniera. Imma mas-Sisu kont ningalaha u konna nnegozjajna ftehim - fi spirtu ta' rieda tajba - u bdejna nalternaw.

L-ewwel jum ta' l-iskola. Wieħed mill-iżjed jiem koroh fil-ħajja ta' tfal normali. Jum ta' dardir stramb. Jum li fih tgħir għal ommok li se tibqa' d-dar ma' l-Ariel u d-Dash. U tixxennaq li tista' tqatta' jum taħsel il-ħwejjeġ, tonxor, taqla', titni u tgħaddi.

Jum ta' uġigħ ta' ras. Jum li fih is-surmast jgħolli leħnu biex taparsi jbeżżgħek u mbagħad jgħid ċajta sfurzata biex, bħal speċi, jagħtik x'tifhem li hu normali. U l-għalliema jidħlu fil-klassi qishom telgħin it-Tabor. Il-pitazzi (li aħna konna ngħidulhom skritti); il-covers sofor, ħomor, blu, ħodor jew kannella; il-labels u t-time-tables; il-kotba; il-canteen bl-art tgħallek u b'umdità adatta għat-tkabbir tal-faqqiegħ; id-desk imġiddma - b'elf u ħames mitt chewing gum imwaħħla magħha - tant li trid toqgħod b'seba' għajnejn li ma tmurx tmiss il-qalziet mad-desk għax l-ebd'Alla ma jaqalgħek minnha.

U tibda tirreġistra l-laqmijiet ta' l-għalliema għax se tkun qed tużahom kontinwament fid-disa' xhur ta' wara... Ġuda, l-iSpider, Shakespeare, iż-Żibru, il-Qallgħani, is-Six Inches, iż-Żejża Roża, is-Suldat, il-Beaver, il-Qallut, il-Vass, id-Dardira, is-Seba' Sagramenti, Dun Lewż, Don Camillo, il-Bulldog, ix-Xebba, il-Mamma, Humpty Dumpty, Super Mario, Hitler, Fnieku, Rambo, il-Pumpkin, iċ-Cheetah (u ċ-Cheetah Banana li daħlet floku meta rtira), il-Pissiperla... kull laqam jiġbor fih l-essenzjal, dak li jagħmel it-tali dak li verament hu... laqmijiet li l-analiżi semjotika tagħhom xi tnejn bħal Eco jew Barthes jikluha bil-ħobż.

U wara jumejn kont tibda tippjana f'liema ġranet tista' taġġorna ftit kmieni. Jekk l-aħħar lezzjoni tkun PE - allura eċċellenti. Jekk ta' qabilha tkun Religion - allura eċċezzjonali. U ħarba mill-iskola kienet tagħtik sodisfazzjon enormi. Tibda tfittex it-toqob fil-fence tal-grawnd. Imbagħad tintebaħ li l-biċċa m'hemmx għalfejn tagħmilha tidher daqstant illegali. U tispiċċa toħroġ mill-bieb prinċipali - minn quddiem l-uffiċċju tas-surmast - qisu xej'. Qisek ħiereġ fis-sagħtejn u nofs. U int u ħiereġ ġieli tiltaqa' ma' l-għalliema deħlin lura mill-brejk. U qalbek ttaqtaq li se jwaqqfuk u jistaqsuk fejn sejjer jew għandekx permess.

U meta l-ħarba mill-bieb prinċipali ma tkunx possibbli, allura tmur fl-uffiċċju tas-surmast. Ma niflaħx. Se nċempel id-dar ħalli tiġi ommi għalija. U s-surmast jgħidlek ċempel ċempel u tgħolli r-receiver u tiddalja 000 000 u waqt li s-sinjorina fuq in-naħa l-oħra tgħidlek li the number you have dialed does not exist, terħi lsienek:

Hello ma. Iva - naħseb reġa' telgħali. Eħe, brejk bħalissa. Se nkun quddiem l-iskola. Ok. Iddumx għax vera stordut. Bye.

Għax ikollok biżżejjed sens f'moħħok biex ma taqlax lil ommok mid-dar.

U toħroġ, taparsi qed tistennihom jiġu għalik, imma wara ftit titlaq pass pass lejn in-Nadur u xi qalb tajba dejjem issib li taqtgħek pass.

U dalgħodu, fid-disgħa neqsin kwart, meta ftakart li llum bdiet l-iskola - tbissimt u qalbi mtliet b'ferħ stramb, li għadni nħoss s'issa. Għax meta kont żgħir kont dejjem nittama li titla' x-xemx fuq jum bħal dan - li fih tiftaħ l-iskola u jien nibqa' fis-sodda.

U l-jum wasal u nħoss li miegħi, illum, saret ġustizzja.

Duluri


(Ritratti mill-isbaħ ta' Patrick Bardyn, fotografu minn Brussell, li żar il-Liċeo Ninu Cremona fir-Rabat, Għawdex, ftit tax-xhur ilu)

10 Comments:

Blogger gybexi said...

l-iskritti. l-ewwel darba li smajtha din. kelma sabiha hafna... anzi, ser nibda nuzaha.

ir-ritratti sbieh ukoll. 

Monday, September 26, 2005 8:11:00 PM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

L-ewwel darba li smajt bil-kelma pitazz nahseb kelli sittax. Dejjem skritt ghidt u l-plural jigi skritti. 

Monday, September 26, 2005 8:19:00 PM
Blogger Roderick Mallia said...

Veru gybexi? Meta kont żgħir, lil nannti niftakarha tgħidilhom skritti u għadha tgħidilhom hekk sal-lum. Dak iż-żmien imma, ta' tifel li kont, kont nibqa' mistgħaġeb kif il-pitazzi tal-Kalkara jgħidulhom "skritti" u mhux "pitazzi" :) 

Monday, September 26, 2005 10:46:00 PM
Blogger test testy said...

Illum anki jien ftakart f'dawk li llum regghu lura lejn l-iskola. Dalghodu kif hrigt ghax-xoghol u rajthom migburin fi gruppi, ergajt rajt lili nnifsi nistenna l-vann fil-kantuniera. Ghalkemm l-iskola qatt ma kont nobghodha, l-ewwel gurnata wara l-vaganzi dejjem kienet tkun iebsa.

Illum ghadni nhossni l-istess, kull nhar ta' tnejn filghodu, wara li tmiem il-gimgha jkun ghadda. 

Monday, September 26, 2005 10:52:00 PM
Blogger david said...

Dalghodu meta qrajt l-ahbar fit-Times kelli hsibijiet simili Pierre...

l-irwejjah hergin mit-toilets tal-junior school, il-Jaws fil-vaska tal-bitha, il-quddies ta' bil-fors, il-Fufu, n-Nobby u l-Wiggy, it-trab fil-grawnd, id-driver midghi u r-retreats il-Mellieha, t-Tuck shop u t-Tom Thumb, il-Catch u l-Mini Mint, il-flokkijiet tar-Red Devil...

Grazzi tar-ritratti.

Ghal meta l-loghba bocci nies? 

Tuesday, September 27, 2005 12:20:00 PM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

grazzi tal-messaggi, l-ahwa.

david: il-weekend li gej niezel sal-lussemburgu biex nara nsibx il-karkura li kont hallejt sen'ilu. imma, nghid jien, ma nistghux nilghabu loghba bocci wara x-xoghol - x'imkien fl-imdawwal?

gybexi: dai - guidaci tu. 

Tuesday, September 27, 2005 12:25:00 PM
Blogger Mark Vella said...

Ir-ritratti mill-isbah, Pierre...izda, ma nafx l-ghala, jigni hsieb pervers u kelma wahda ddamdam f'mohhi..manikomju.

Ostja, ix-xeni qed ifakkruni f'manikomju...ma nafx ghala..forsi ghax ftit ilu darba rajt ktieb Taljan fuq hekk b'ritratti sepja/bojod u suwed...

Imma hemm xi haga fihom dawn ir-ritratti.... 

Tuesday, September 27, 2005 10:30:00 PM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

Mark - Patrick Bardyn huwa fotografu mill-aqwa imma donnu affaxxinat b'dak kollu li hu ta' dwejjaq.

Ara ftit dan ir-ritratt Mark. 

Wednesday, September 28, 2005 12:02:00 AM
Anonymous fpa said...

Prosit Pierre, u grazzi mill-gdid talli kull tant zmien iddewwaqna l-pinna hafifa tieghek! Jien qatt ma kont skola l-Junior, imma mal-kummenti tieghek inhoss jergghu lura t-tifkiriet ta' dawk iz-zminijiet. Veru l-iskola ma' l-ewwel daqqa ta' ghajn lil hadd (jew kwazi hadd!) ma kienet toghgob, imma lkoll nirrikonoxxu kemm kienet importanti fit-tiswir tal-karattri taghna. Ipprintjajt dan l-artiklu tieghek u ghaddejtu lil xi hbieb li kienu l-Junior, u kollha ghogbithom mhux ftit, apparti li dahqu tghidx kemm! Grazzi habib. 

Saturday, October 01, 2005 1:45:00 PM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

Grazzi FP! U sellili ghal tad-dar. 

Wednesday, October 26, 2005 4:33:00 PM

Post a Comment

<< Home