MaltaMedia Click Here!
Pierre J. Mejlak's Blog
  A Bilingual MaltaMedia Online Network Blog  | LATEST BLOG | NEWS | WHAT'S ON | FEATURES | WEATHER | CONTACT PIERRE

Tuesday, August 30, 2005

Stejjer, laqmijiet u ritratti

Gemini


Tiskanta kif kultant, bla ħsieb, tgħaqqad bosta trufijiet ta' storja li ma tkunx qed tfittex.

Ħelu wisq ir-ritratt tax-xellug. Dawk huma l-Gemini 5, il-prekursur tal-grupp The Tramps, li l-istorja tiegħu ntemmet ġimgħa ilu bil-mewt ta' Dumink. Ħdejh hemm ritratt ta' l-istess post kif kien jidher illum wara nofsinhar, meta sieħbi Joe mar ħadlu ritratt.

Ir-ritratt tal-Gemini 5 inġibed għall-bidu tas-snin sittin ftit 'l isfel mill-Ġnien tad-Dawwara, fit-triq li mir-Rabat twasslek Ta' Kerċem. Il-karozza żdingata li l-Gemini 5 telgħu fuqha kienet, sa ftit qabel, it-Taxi 42 ta' Mejnik.

Fix-xellug nett jidher Vince Cassar ta' Maripawl u ħdejh hemm Toni Gauci tat-Tuletta, li kien iħobb ikanta l-makkjetti ta' Fredu Spiteri. Imbagħad hemm Dumink u warajh Joe tad-Dudu. Isfel, bil-flokk abjad u b'ħarsa niffieda tipo James Dean, hemm Joe Cassar ta' Snejter. Kienu qed jippożaw għal ftit ritratti li Dumink xtaq li jidhru fuq l-MTV (Malta Television Service) bħala reklam tal-grupp. Il-fotografu, x'aktarx, kien George Vella tal-Vella Photo Studio, li kien ukoll speċi ta' manager tal-Gemini 5. Biex dak li naf inkun għidtu, iżjed tard, ta' Maripawl ħalla l-grupp u floku daħal Nenu Grech taċ-Ċajċ, li llum huwa veterinarju.

Għal bidu, Dumink u sħabu kienu jagħmlu l-provi f'garaxx fit-Triq ta' Wara s-Sur, qrib tal-Merguli, ir-Rabat. Imbagħad żarmaw minn hemm u bdew jiltaqgħu f'kamra fl-Oratorju Don Bosco fi Pjazza Santu Wistin.

Il-Gemini 5 ma kenux weħidhom dik il-ħabta. Avolja 'Għawdex żgħir', 'kulħadd ġewwa', 'bil-lejl toqtol u tidfen' u bl-affarijiet l-oħra kollha li jgħidu fuqna. Kien hemm gruppi oħra, fosthom il-Joy Boys, magħmul mill-kantant Joe Borg l-Għasfura, illum mejjet, Ġamri Ħaxwex - it-tnejn mit-Triq ta' l-Għajn (il-mod l-Għawdxin jirreferu għall-Fontana), Leli Mejlak, tal-Piku, min-Nadur u drummer mir-Rabat.

Grupp ieħor jikkompeti għall-popolarità kien il-Hajds - grupp imwaqqaf fix-Xewkija u magħmul kollu min-nies tar-raħal, fosthom id-drummer Charlie ċ-Ċikkarell.

Imbagħad kien hemm l-Action, il-grupp ta' Karmenu Portelli, li kellu jagħmel karriera bħala drummer mat-Tramps. L-Action ħareġ min-Nadur. Kien hemm il-kantant u kitarrista Mike Portelli ta' Xkejfa, Alfred Portelli Susanu fuq keyboards, John Galea ta' Snejter fuq bass guitar u, ovvjament, Karmenu.

Dawn il-beat groups kollha kienu jdoqqu l-iżjed fi swali ta' l-iskejjel, bħal dawk tax-Xewkija, is-Sannat, in-Nadur u r-Rabat. Imbagħad, fis-sebgħinijiet, beda jinbena t-teatru ta' l-opra Aurora li, bħal kalamita, ġibed il-beat groups kollha lejh. L-Aurora under construction serva bħala post eċċellenti għal giggs u kunċerti żgħar li dawn il-gruppi kienu jagħtu b'mod regolari. L-uniku problema li kien hemm kien it-trab - peress li l-bini kien għadu qed jinbena. Jingħad li mhux l-ewwel darba li bid-daħna tat-trab ma kontx tkun tista' tara min qed ikanta.

X'iżjed? Insejt ir-Rubber Souls... grupp li għadu jdoqq sal-lum - għalkemm illum bidel ismu u jissejjaħ Loose Ends. Jekk tasal wasla san-Nadur fil-jiem tal-Karnival issib il-Loose Ends fuq trakk ipparkjat quddiem il-każin tal-futbol. Wisq probabbli ssibhom idoqqu xi ħaġa tal-Pink Floyd jew ta' CCR. Il-Loose Ends huwa l-grupp tan-Nadur, b'Charlie l-Bajda bħala leader.

U nsejt ukoll il-Fredstones - grupp magħmul minn bosta Fredijiet li ltaqgħu tard fis-snin sittin. Kien hemm Alfred Rapa (li llum emigrat, imma li ftit tas-snin ilu mar Malta u ħa sehem fil-Festival Kanzunetta għall-Ewropa b'Eternal Love), Fredu l-Qagħqa, Fredu Susanu u xi Fredu ieħor.

U x'sar minnha dik il-karozza li l-Gemini 5 telgħu fuqha għar-ritratt?

Il-karozza kienet tiġbed ħafna interess, speċjalment minn ħafna namrati li kienu jkunu qed jippassiġġaw minn dawk l-inħawi - fi triqthom lejn il-Lunzjata - u jieqfu joħolmu li xi darba jiżżewġu u jkollhom waħda bħalha, imma f'kondizzjoni aħjar. Dan, per eżempju, huwa sieħbi Joe Zammit flimkien ma' Rose, Gloria, Cecile u Antonia - 41 sena ilu.

Zammit


Rose hi t-tfajla li hemm ħdejn Joe fuq is-seat ta' quddiem. Illejla Joe u Rose ċċelebraw il-35 anniversarju tat-tieġ tagħhom.

Il-karozza ma tħallietx hemm. Xi ħadd għaraf li karozza bħal dik dnub titħalla mormija. U llum il-karozza hi ta' Toni l-Gross minn Santa Luċija. Dan ġabha ġdida u jużaha f'okkażjonijiet speċjali.

Araw ftit x'differenza. Din hi kif tidher illum it-Taxi 42 ta' Mejnik.

Illum

(Ħajr mill-qalb lil Toni Camilleri mill-Fontana li għaddieli r-ritratt tal-Gemini 5, lil Carmel Agius mix-Xagħra ta' l-għajnuna kollha tiegħu, lil Joe Zammit u lil Karmenu Portelli tat-tagħrif)

16 Comments:

Blogger Arcibald said...

Storja inkredibbli Pierre! Kompli hekk! 

Tuesday, August 30, 2005 8:32:00 AM
Blogger gybexi said...

istja! 

Tuesday, August 30, 2005 9:01:00 AM
Anonymous J&B said...

Gibtli hafna memorji sbieh Pierre b'dina li ktibt illum. Dawn l-affarijiet hadd ma jiktibhom u xieraq nibdew niehdu nota taghom ghax hija parti mil istorja hux hekk? 

Tuesday, August 30, 2005 9:35:00 AM
Blogger Guze' Stagno said...

Encore! Encore! 

Tuesday, August 30, 2005 2:48:00 PM
Blogger mjolk said...

kbira, pierre, kbira.... 

Tuesday, August 30, 2005 3:19:00 PM
Anonymous Anonymous said...

Prost Pierre, tassew iben denn ta' pajjizek. 

Tuesday, August 30, 2005 3:58:00 PM
Anonymous Carmel Camilleri (Nadur) said...

Prosit. Interessanti ferm. 

Tuesday, August 30, 2005 10:46:00 PM
Blogger jjpzammit said...

Bellahtni Pierre, kif min Junk Car giet Bride Car biz zmien u int ifformulajt storja semplici. Jidirli li ghamilt uzu tajjeb tal ftit ritratti li waslu ghandek.
Min nahha tieghai nirringrazzja lis- Sur Carm Aguis mix-Xaghra li ghadilhomli, kif ukoll lis-Sur Toni Camilleri mil Fontana, li proprajmentprovdieli dak tal Gemini 5 . Mil gid prosit ...... 

Wednesday, August 31, 2005 4:59:00 PM
Anonymous Anonymous said...

Fuq is -sebejnijiet hemm hafna xi tghid u nhossni kburi li ghexthom.Prosit Pierre,int ghandek (chance) tikteb ktieb shieh fuq hekk. Prosit tassew 

Thursday, September 01, 2005 1:34:00 AM
Anonymous Stella (Michigan) said...

I enjoyed reading your article. I'm Stella, from Michigan. I've been here since January of '64, so some members of GEMINI 5 are not familiar to me, but I remember Dominic and Joe Cassar well, so sad about Dominic. I really enjoyed the picture with Joe Zammit ,(my brother-in-law) and his harem, who happen to be my sisters, and cousin Cecil. Thanks for the memories,and prosit,keep up the good work. Well written. 

Thursday, September 01, 2005 9:13:00 AM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

Grazzi mill-qalb tal-kummenti sbieh taghkom. Jien is-sebghinijiet m'ghexthomx u allura qatt ma nista' nhoss l-istess emozzjoni bhal ma jhoss min ghexhom. Imma jkun sabih li dawn l-istejjer jibdew jinkitbu...

Grazzi mill-gdid lil Carmel (Nenu) Agius mix-Xaghra tat-taghrif li tani; lil Toni Camilleri mill-Fontana tar-ritratt tal-Gemini 5; lil Joe Zammit u lil Karmenu tat-Tramps tal-pacenzja... 

Thursday, September 01, 2005 9:22:00 AM
Anonymous Nenu Agius (Xaghra) said...

Ghaziz Pierre,

Qatt ma bsart li dak ir-ritratt immermer bil-kamla kien se jharrek tant memorji sbieh...

Prosit tassew Pierre ghax faqqast daqxejn ta' artiklu veru interessanti li ghandu jikxef parti mill-kultura u l-istorja mzewwqa tal-gzira taghna ta' Ghawdex.

Jiena ghext anke l-50ijiet u dan r-ritratt lili ifakkarni hafna fil-bidu tas-60ijiet meta gruppi bhall-Joy Boys kienu jigu jdoqqu fis-sala tac-Cirklu (illum Centru taz-Zghazagh) tax-Xaghra waqt xi riceviment ta' tieg, il-Hadd fil-ghodu. Id-daqq tal-kitarri u d-drums u l-vuci tal-kantanti zghazagh Ghawdxin kienu bdew jiehdu post id-diski tal-gramaphone His Master's Voice u anke tal-JukeBox. Niftakar lil Fredu r-Reverist fuq il-palk iferrah lill-mistednin u lill-mizzewgin friski bil-makkjetti helwin tieghu. Nahseb li kien dik il-habta li r-ricevimenti tat-tigijiet minflok go djar privati kienu bdew isiru fi swali pubblici...u maghhom naturalment beda jinhass aktar il-bzonn tad-divertiment muzikali live.

It-Taxi ta' Mejnik, imbaghad, holqot storja minnha nfisha. Wara waqfa twila ta' mistrieh fil-paci taht il-hajt,(sakemm ma jitfaccawx in-namrati!!) tefgha ta' gebla mill-wied tal-Lunzjata, illum regghet sabet ruhha in the limelight tkompli l-missjoni li ghaliha kienet mahluqa, izda b'aktar pompa....

Jien nahseb li l-istorja ta' dil-karozza tajjeb li tinkiteb. U minn hawnhekk nixtieq niehu l-opportunita', bil-permess gentili tieghek, biex min ghandu xi info jew ritratti relatati ma' din il-karozza jghaddilna kopja taghhom. Ahna nibqghu obbligati lejn kull min jogghbu jibghatilna kwalunkwe taghrif, zghir kemm hu zghir.

Mill-gdid prosit.

Nenu Agius, Xaghra
roli@melita.net 

Friday, September 02, 2005 5:05:00 PM
Blogger Kenneth said...

Nice one... 

Friday, September 02, 2005 10:02:00 PM
Anonymous Anonymous said...

ara wahda din
http://nssdc.gsfc.nasa.gov/database/MasterCatalog?sc=1965-068A 

Thursday, September 08, 2005 1:18:00 PM
Anonymous j schembri - Victoria Gozo said...

well done Pierre for your interesting blog. I happened to come across it while surfing through internet and going through aboutmalta.com. For the readers' info the drummer from Victoria mentioned who played with Joy Boys is Victor Vella, ta' Mabbli, who together with Toni Gauci (it-Tulitta) and Gamri Grima still perform some occasional gigs.

Well done once again and hope that you will publish more interesting facts from Malta and Gozo. 

Friday, September 16, 2005 9:07:00 PM
Blogger Pierre J. Mejlak said...

Nenu, Kenneth, Anon and J Schembri - grazzi tal-kummenti taghkom. 

Saturday, September 17, 2005 6:16:00 PM

Post a Comment

<< Home