L-għada qamet b'ħajta deni.
U għamlet nofs ta' nhar ħdejn it-tieqa ta' kamritha bit-tromba m'għajnejha tħares lejn in-nies iduru minn qabar għall-ieħor, kif kienet tagħmel kull darba li tibqa' d-dar. Araha tagħżillek grupp li b'xi mod jolqotha - probabbilment wieħed b'xi ġakketta kkulurita f'nofsu - u timxi miegħu. U meta titilfu tfittxu qalb il-lapidi siekta, il-friegħi taċ-ċipress u l-istatwi griżi. Imbagħad issibu u toħroġ minn hemm miegħu.
Għaliex ommha u missierha, minn tant flettijiet, wieħed fl-ogħla sular ta' l-iżjed bini qrib iċ-ċimiterju kienu ħadu. U tiskanta kif meta tikber b'xi ħaġa dejjem quddiemek ma tarahiex kif jaraha ħaddieħor. Għax għal ħaddieħor dak kien biss ċimiterju, mentri għaliha kien il-ġnien ta' quddiem id-dar. Post affaxxinanti u misterjuż, li bil-mogħdijiet tiegħu kull darba jipprova jnessik minn fejn għaddejt biex iżommok ftit ieħor fih. Bħallikieku ma jkunx iridek titlaq. Imma jekk tintilef u tkun trid tmur lura, mhux se jżommok. Anzi, jiggwidak u qabel toħroġ mir-rixtellu b'nifs ħelu jimbuttak ħafif ħafif biex iħaffiflek il-pass. Skond ommha, kien hemm li tgħallmet timxi. U hemm ġriet l-ewwel ġirja - minn quddiem il-qabar li kienet taħseb li hu ta' tarbija għax kellu gradilja mdawra miegħu sa ħdejn il-kanċell ta' barra. U minn jaf kemm-il siegħa għamlet rieqda fil-pramm hemm ġew u kemm kliem semgħet li ma fehmitx u argumenti li ma segwitx.
U bil-lejl - meta ma kienx jaqbadha ngħas - kienet tressaq is-siġġu ħdejn it-tieqa, taqbad it-tromba ċkejkna f’idha u dduru parti parti. Tibda mill-kantuniera fejn kien hemm l-istatwa tal-Madonna bil-pala t'idha tagħfas ma' wiċċha u tkompli sejra kif jimxi l-arloġġ sakemm terġa' tasal quddiem l-istess wiċċ mgħotti. U kien f'lejl bħal dan li tul ir-ronda tagħha waqfet fuq qalb ħamra tixgħel. Xi ħlew. Ippruvat tersaq eqreb bla ma tisfoka kollox u rathom ... xemgħat ħomor ħdejn xulxin impoġġija fil-forma ta' qalb kbira. Imbagħad rat lilu bilqiegħda fuq ġenb tal-qabar b'kitarra f’idu, li minn fejn kienet ma setgħetx tisma'. Ma tiftakarx kemm kienet damet tħares lejh dak il-lejl imma meta qamet u sabet ruħha b'rasha ġo idejha fuq ħoġor it-tieqa, kienu l-ħamsa ta' filgħodu. Kien kważi beda jisbaħ u l-ġuvnott ma kien jidher imkien.
U minn dakinhar - kull filgħaxija qabel tidħol fis-sodda - bdiet tersaq lejn it-tieqa, issib it-tromba u terġa' tagħti ħarsa lejn il-post fejn ratu jdoqq il-kitarra. U ratu darbtejn oħra. Dejjem fuq l-istess qabar. Dejjem nhar ta' Ġimgħa. Dejjem bl-istess xemgħat ħomor forma ta' qalb u bl-istess kitarra. U fuq kollox bl-istess ħarsa li bil-qamar kwinta tat-tielet darba setgħet taraha ftit aħjar. U dakinhar, fis-siegħa u kwart ta' filgħodu, skopriet f'daqqa li kienet saret tħobbu. Qatt qabel ma kienet ħabbet lil xi ħadd. Iżjed u iżjed lil xi ħadd li bilkemm taf. Imma issa ħassitha. U kienet ċerta li dik tagħha mħabba wkoll.
Għaddiet ġimgħa u hi u ħierġa mill-iskola, bid-dublett il-blu u bit-tajz l-abjad tas-suf, tilmaħ il-bankina miksija bi qlub żgħar u kbar impenġija b'ġibsa ħamra. L-istudenti ż-żgħar nett, li ħarġu qabel, kienu qed jaqbżu minn waħda għall-oħra qishom qed jaqsmu nixxiegħa ilma u l-oħrajn ħarsu lejhom u tbissmu, waqt li f'qalbhom ixxennqu li kienu għalihom. U għal mument anke hi bħal kienet se taqsam ix-xewqa. Imma meta għaddiet minn ħdejhom - hu bil-pala ta' idejh kollha ġibs u hi b'saqajha t-tnejn maqtugħa mill-art u magħfusa miegħu - bħal ħadet gost. Għax dak li kienu qed iħossu huma, issa setgħet tħossu hi wkoll. Imbagħad ħaffet il-pass għax kien il-Ġimgħa u dik il-lejla jagħlqu xahar.
L-ikel ħatfitu u t-te li għamlilha missierha qabel ingħalaq fl-istudju, ħaditu fuq ħoġor it-tieqa, bit-tromba f'idha u b'qalbha tħabbat b'mod stramb. Did-darba m'għamlitx rondi. Iffukat biss fejn kellha tiffoka. Fejn dalwaqt kellha tinxtgħel qalb kollha ħmura li ddawwal oħrajn żgħar dawramejt li ħażżet fit-trab hi stess qabel daħlet id-dar. Imma hekk kif lestiet it-te s-sema xegħel b'sajjetta li ħasditha u bdiet nieżla xita qawwija li kaxkret il-qlub żgħar tagħha sar-rixtellu.
Imbagħad sajjetta oħra fil-bogħod u dritt wara oħra fil-qrib, li dawlet kollox ħlief wiċċ li kien dejjem mgħotti.
L-għada qamet b'ħajta deni.